Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
  • STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Deċiżjonijiet tal-politika monetarja

11 ta' Settembru 2025

II-Kunsill Governattiv illum iddeċieda li jżomm it-tliet rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE fl-istess livell. L-inflazzjoni bħalissa tinsab f’madwar il-mira fuq terminu medju ta’ 2 % u l-valutazzjoni tal-Kunsill Governattiv tal-prospettiva tal-inflazzjoni tibqa’ ġeneralment l-istess.

It-tbassir ġdid tal-persunal tal-BĊE jippreżenta stampa ta’ inflazzjoni simili għal dik imbassra f’Ġunju. Huma jaraw li l-inflazzjoni globali se tilħaq medja ta’ 2.1% fl-2025, 1.7% fl-2026 u 1.9% fl-2027. Għall-inflazzjoni li teskludi l-enerġija u l-ikel, huma jistennew medja ta’ 2.4% fl-2025, 1.9% fl-2026 u 1.8% fl-2027. L-ekonomija hija mbassra li tikber b’1.2% fl-2025, irreveduta ’l fuq miż-0.9% mistennija f’Ġunju. It-tbassir tat-tkabbir għall-2026 huwa kemmxejn aktar baxx, b’rata ta’ 1.0%, filwaqt li t-tbassir għall-2027 jibqa’ l-istess b’rata ta’ 1.3%.

Il-Kunsill Governattiv huwa ddeterminat li jiżgura li l-inflazzjoni tistabilizza fil-mira tiegħu ta’ 2% fuq terminu medju. Se jsegwi approċċ ibbażat fuq id-data u laqgħa b’laqgħa sabiex jiddetermina l-pożizzjoni tal-politika monetarja xierqa. B’mod partikolari, id-deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv dwar ir-rati tal-imgħax se jkunu bbażati fuq il-valutazzjoni tiegħu tal-prospettiva tal-inflazzjoni u r-riskji ta’ madwarha, fid-dawl tad-data ekonomika u finanzjarja li tidħol, kif ukoll id-dinamiċi tal-inflazzjoni sottostanti, u s-saħħa tat-trażmissjoni tal-politika monetarja. Il-Kunsill Governattiv mhuwiex qed jimpenja ruħu minn qabel għal xi direzzjoni partikolari għar-rati.

Rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE

Ir-rati tal-imgħax fuq il-faċilità tad-depożitu, l-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament u l-faċilità tas-self marġinali se jibqgħu l-istess b’rati ta’ 2.00%, 2.15% u 2.40% rispettivament.

Il-Programm ta' xiri ta' assi (APP) u l-Programm ta’ xiri għall-emerġenza pandemika (PEPP)

Il-portafolli tal-APP u tal-PEPP qegħdin jonqsu b’ritmu meqjus u prevedibbli, hekk kif l-Eurosistema m’għadhiex tinvesti mill-ġdid il-ħlasijiet prinċipali mit-titoli li jimmaturaw.

***

Il-Kunsill Governattiv jinsab lest li jaġġusta l- istrumenti kollha tiegħu fi ħdan il-mandat tiegħu biex jiżgura li l-inflazzjoni tistabilizza fil-mira tiegħu ta’ 2 % fuq terminu medju u biex jippreżerva l-funzjonament bla xkiel tat-trasmissjoni tal-politika monetarja. Barra minn hekk, l-Istrument ta’ Protezzjoni tat-Trażmissjoni huwa disponibbli biex tittieħed azzjoni kontra dinamiċi tas-suq mhux ġustifikati u diżordinati li joħolqu theddida serja għat-trażmissjoni tal-politika monetarja fil-pajjiżi kollha taż-żona tal-euro, biex b’hekk il-Kunsill Governattiv ikun jista’ jwettaq b’mod aktar effettiv il-mandat tiegħu tal-istabbiltà tal-prezzijiet.

Il-President tal-BĊE se tikkummenta dwar il-konsiderazzjonijiet li wasslu għal dawn id-deċiżjonijiet f’konferenza stampa li tibda llum fit-14:45.

Għall-kliem eżatt miftiehem mill-Kunsill Governattiv, jekk jogħġbok ara l-verżjoni bl-Ingliż.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja